top of page

Kwadru Titulari

Updated: Jun 30, 2021

Fil-Parroċċa tagħna sa mill-ewwel żmien kellna tlett kwadri li ntużaw bħala Titular fil-Knisja. L-ewwel Tnejn kienu mahdumin fuq tila u l-aħħar wieħed huwa maħdum minn mużajk.

Informazzjoni miġbura mis-sur Joe Micallef



L-Ewwel Kwadru Titulari

Mill-ftuħ u t-tberik tal-Knisja, fl-1963, bħala titular intużat il-pittura tal-Kunċizzjoni li kien hemm fl-Oratorju tal-Kunċizzjoni. Din il-pittura kienet ferm ċkejkna fil-prospettiva tal-Knisja l-ġdida. Bdiet ukoll tintuża għall-istess skop l-istatwa tal-Kunċizzjoni li kien hemm fl-Oratorju.


It-Tieni Kwadru Titulari

Sena wara t-twaqqif tal-Parroċċa, fl-1 ta’ Jannar 1969, bħala titular bdiet tintuża pittura taż-żejt fuq it-tila li turi l-Kunċizzjoni Immakulata, fuq stil ta’ Murillo, xogħol sabiħ tal-Komunità tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija, is-Sorijiet tal-Eġittu. Il-kwadru kien sar bħala rigal mill-Komunità tas-Sorijiet lill-ewwel Kappillan, Dun Ġużepp Mifsud Bonnici.






It-Tielet Kwadru Titulari

Meta tlesta l-proġett tal-presbiterju, Dun Manwel Agius ra li jkun xieraq jikkumplimenta l-proġett b’titular ġdid li jqis il-kobor tal-abside u kif jidher fil-prospettiva minn wara tal-knisja. Il-Kappillan għalhekk ordna permezz tad-Ditta Theuma House tal-Belt Valletta, disinn ta’ kif tista’ tiġi x-xbieha tal-Madonna tal-Immakulata Kunċizzjoni bħala titular. Ingħataw il-qisien tal-arkata u ritratti għall-perspettiva. Id-ditta bagħtet lura d-disinn fuq il-karta adattat skont il-qisien u l-kobor tal-arkata. L-ordni saret u waslet ix-xbieha magħmula minn mużajk f’kaxxa.

Il-pittura tas-Sorijiet Franġiskani tal-Eġittu, baqgħet tintuża bħala titular sal-1 ta’ Novembru 1983 meta ġie inawgurat Titular ġdid tal-Mużajk tad-Ditta T. Sarti ta’ Pietrasanta (Lucca) tal-Italja. It-titular juri l-Kunċizzjoni Immakulata fuq l-istil ta’ Murillo Bartolomè Esteban imdawra bi tnax-il kewkba.


L-istess Ditta ħadmet ukoll sett panewijiet tal-mużajk taħt it-Titular li juru: l-istemma tal-Papa Ġwanni Pawlu II bid-data tal-Kungress Marjoloġiku 1983, seba’ simboli Marjani u l-istemma tal-Parroċċa bid-data tal-bidu tagħha. Fosthom is-simboli naraw: Reġina tar-Rużarju Mqaddes, Omm il-Knisja, Kewkba ta’ Filgħodu u Warda Mistika.


13 views0 comments

Recent Posts

See All
bottom of page