top of page

Parroċċa

Updated: Jun 30, 2021

Storja tal-Parroċċa tagħna

informazzjoni miġbura mis-sur Joe Micallef




Il-konfini ta’ dak li llum jifforma l-Ħamrun kienu tlett inħawi. L-aktar qadima u l-aktar popolata kienet lejn l-għolja msejħa tas-Samra li kienet tifforma parti mill-Parroċċa ta’ Ħal-Qormi. Akar ‘l fuq kien ħemm Casale San Giuseppe bi knisja ċkejkna fejn hemm l-Istitut ta’ San Ġużepp ‘l isfel sal-Knisja tal-Portu Salvu (Santunnuzzu). Casale San Giuseppe kien jifforma parti mill-Parroċċa ta’ Birkirkara. Mill-Knisja tal-Portu Salvu sal-Blata l-Bajda li kien jifforma parti mill-Parroċċa tal-Furjana eventwalment bdiet tissejjaħ bil-laqam tal-“Ħamrun” kif kien imsejjaħ Ġamri Zammit mill-Belt li kellu tverna faċċata ta’ fejn illum ħemm is-Sorijiet iż-Żgħar ftit ‘l isfel minn Pjazza San Pawl. Dawn l-inħawi ngħaqdu flimkien f’subborg prinċipali. Il-kostruzzjoni tal-knisja ta’ San Gejtanu serviet biex għaqqdet it-tlett inħawi flimkien filwaqt li l-bini beda jiżdied u għaldaqstant bdiet tikber il-popolazzjoni.

Tajjeb niftakru li għalkemm illum il-konfini tal-parroċċi jmissu ma’ xulxin, dan ma kienx hekk fil-bidu. Sal-bidu tas-seklu l-ieħor, meta San Ġorġ Preca beda l-missjoni tiegħu mill-għelieqi quddiem il-knisja ta’ San Ġejtanu, kien hemm żvilupp qawwi ta’ bini u kien hemm possibiltajiet ta’ kiri ta’ djar, b’kera relattivament baxxa. Irridu nżommu f’moħħna wkoll li l-inħawi kienu jinkludu żoni li llum jiffurmaw il-Parroċċi ta’ Santa Venera, il-Marsa kif ukoll Gwardamanġa.

Kien għalħekk li l-arma magħżula tal-Ħamrun tgħid: “Propera Augesco”, “Dlonk Nikber”. Fl-1881, is-sena meta saret il-Parroċċa ta’ San Gejtanu kien ħemm 4,960 ruħ. Biss 9 snin wara l-popolazzjoni tal-Ħamrun kienet tlaħħħaq 6,120 li kienu joqgħodu f’1,120 dar. Minn 30 dar fl-1850 issa żdiedu sa 1,200 b’popolazzjoni ta’ 8,000. Bdiet tgħaddi wkoll il-ferrovija mill-istazzjon mibni fl-inħawi. Fl-1901, meta beda s-servizz tat-tramm, kien hawn 10,393, fl-1911 kien hawn 14,601. ħarġet mill-Ħamrun il-Parroċċa ta’ Santa Venera. Fl-1921 kien hawn 12,347 meta ssawret il-Parroċċa tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa. Fiċ-ċensiment tal-1931 fil-Ħamrun kien ħawn reġistrati 22,086 persuna. Fi żmien it-tieni gwerra dinjija, il-popolazzjoni kompliet tikber u waslet sa 26,000 ruħ, meta ġew evakwati nies mit-tlett ibliet, l-inħawi tal-portijiet u nħawi oħra suxxettibbli għall-attakki tal-għadu. Wara l-gwerra, il-popolazzjoni naqset għal 16,895 fl-1951. In-numru ta’ persuni reġa’ beda jiżdied sal-1961 sakemm wasal 21,081. Beda l-effett tal-emigrazzjoni massiċċa mill-Ħamrun filwaqt li fl-1968 inħolqot it-tieni Parroċċa tal-Ħamrun, tal-Immakulata Kunċizzjoni u l-Parroċċa ta’ Gwardamanġa.


PAWLU BURLÒ -

L-EWWEL KAPPELLA - BIDU UMLI

Aħna għandna l-grazzja li nistgħu nħarsu lura lejn ġrajjiet li żviluppaw b’mod mill-aktar sorprendenti. Jekk nitilqu mill-Parroċċa llum bilfors irridu ngħidu li bħal Ommna Marija, Alla l-Imbierek ra ċ-ċokon u kabbru bis-sħiħ, bħal Marija ra l-qalb twajba, kabbarħa, imliħa bil-ħajja sabiex tagħmel aktar frott. Beda kollox minn xewqa komuni, dawk iż-żminijiet li wieħed jarma ġewwa d-dar tiegħu artal żgħir, bid-dawl tax-xemgħa, li madwaru jiltaqgħu l-membri tal-familja biex jgħidu r-Rużarju mqaddes u jitolbu flimkien u mal-ġirien. Hekk għamel Pawlu Burlò.


Pawlu Burlò twieled il-Belt Valletta fl-24 t’Ottubru 1877 u tgħammed fit-28 t’Ottubru fil-Knisja ta’ San Duminku l-Belt. Pawlu kellu s-sengħa ta’ landier. Huwa wiret ix-xewqa ta’ missieru Franġisku u bedu b’entużjażmu jarma, jżid u jkabbar l-artal tal-kappella fid-dar, taħt it-taraġ f’numru 30 Triq Vitale anke wara li żżewweġ lil Carmena. Minħabba li kellu devozzjoni speċjali lejn l-Immakulata Kunċizzjoni ħuwa ddedika din il-kappella ċkejkna lilħa. Fix-xaħar ta’ Mejju 1920, Pawlu beda jistieden filgħaxija lill-ġirien u t-tfal tal- inħawi sabiex flimkien ma’ martu u l-erba’ uliedu jinġabru sabiex jgħidu r-Rużarju bl-akbar qima.

It-tfal baqgħu jmorru għar-Rużarju tul ix-xaħar ta’ Mejju kollu, għalhekk ġietu f’moħħu li lejn it-tmiem tax-xahar jagħmel festin ċkejken u b’hekk iħajjar iżjed it-tfal imorru għar-Rużarju s-sena ta’ wara. Xegħel it-twieqi u l-bieb tad-dar, żejjen aktar l-artal tal-kappella, lesta l-ħelu u x-xorb għat-tfal li attendew bi ħġarhom għar-Rużarju u kantaw innijiet lill-Madonna. Il-ħeġġa tat-tfal kaxkret ukoll lill-kbar, hekk li s-sena ta’ wara, kif kien qalilhom Pawlu, it-tfal stiednu lil ħbiebhom u ġew ukoll xi ġenituri li lkoll imlew il-kmamar tad-dar ċkejkna tiegħu.

MINN TAĦT IT-TARAĠ GĦALL-

ORATORJU “IMMAKULATA KUNĊIZZJONI”

Pawlu għaraf kemm tassew kienet ċkejkna l-kappella meta ra n-numru ta’ nies li kienu qed jattendu. Għalhekk beda jfittex post ieħor li jservi biex jilqa’ iżjed nies għar-rużarju, mingħajr ma jxekkel il-ħajja tal-familja. Huwa sab terran fl-istess triq fin-numru 15 u beda jirranġaħ biex iservi ta’ post fejn isir it-talb tar-Rużarju. Kif kien isir dak iż-żmien fil-knejjes, Pawlu ħaseb biex iġib lil xi ħadd jagħmlilhom ħsieb spiritwali kuljum. Intgħażel għal dan il-għan il-Kjeriku Karmenu Gatt. Il-ħidma ta’ Pawlu ma’ kinitx ward u żahar, kellu min jgħinu finanzjarjament jew materjalment imma wkoll min jiddieħak biħ, ħaġa li kienet tkiddu ħafna. Xi drabi ried jieqaf imma min-naħa l-oħra dejjem sab min jinkoraġġiħ speċjalment dawk li kienu jattendu għat-talb.

Meta ra l-konkorrenza lejn l-aħħar tax-xahar ta’ Mejju 1923, Pawlu wera x-xewqa li bil-permess tal-kappillan, Dun Ġużepp Muscat, jagħmel festa akbar lill-Madonna. Għal dan il-kliem, il-kappillan, madankollu nfurmaħ li kien jeħtieġ permess mill-Kurja. Pawlu beda’ jaħsibha darbtejn u talab l-intervent tas-Sur Ugo Campbell li mhux biss kiseb il-permess talli l-istess Isqof Awżiljarju, l-E.T. Mons. Angelo Portelli, O.P. meta sar jaf bil-ġid spiritwali li kien qed jinkiseb, talbu sabiex il-kappella tibqa’ miftuħa għall-pubbliku.

Fis-sena 1924 fi Triq San Pawl il-Belt Valletta, il-Kjeriku Gatt, lemaħ pittura li tirraffigura l-Immakulata Kunċizzjoni. Staqsa u sar jaf li kienet propjetá tas-Sur Licari. Dan meta sar jaf li l-kjeriku Gatt, xtaqha għall-Oratorju tal-Immakulata Kunċiżżjoni fil-Ħamrun, kien lest biex jagħtihulu b’xejn. Din għadha fil-knisja parrokkjali u spiss tkun għall-wiri fil-Festi Titulari.

L-Arċisqof, Mons. Mauru Caruana ta l-kunsens tiegħu sabiex ikunu jistgħu jitqaddsu tmien quddisiet fil-Festi ewlenin tal-Madonna. Ħuwa ddelega l-Kappillan sabiex jagħti l-permessi meħtieġa meta jkun hemm il-ħtieġa. Il-kappillan ta’ San Gejtanu, żar il-Kappella f’waħda mill-ġranet tax-xahar ta’ Mejju u fid-diskors tiegħu sejjaħ il-post ta’ Pawlu bħala “l-Oratorju ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni”. L-ewwel quddiesa tqaddset fl-Oratorju mill-Kanonku Dun Amabile Camilleri. L-Isqof stess ikkonferma d-deċiżjoni tiegħu billi fl-1 ta’ Ġunju 1924 qaddes ukoll fl-Oratorju.

Pawlu kien dejjem jistinka u jitlob il-permessi sabiex barra l-ħdud u l-festi kmandati jsir quddies ukoll fil-ġranet tax-xogħol. Sa fl-aħħar il-quddies beda jitqaddes kuljum. Fl-Oratorju malajr bdew isiru wkoll funzjonijiet kif kien isir fi knejjes oħra, flimkien ma’ pellegrinaġġi għall-Grotta tal-Madonna ta’ Lourdes fil-Furjana u f’Novembru għaċ-Ċimiterji tal-Addolorata, ta’ Wied Għammieq u tal-ħabs Ċivili. Fl-Oratorju saret Via Sagra fl-1936 għad-devozzjoni li kienet issib il-milja tagħha fil-ġimgħa l-kbira.

II

IL-ĦEĠĠA TA’ PAWLU BURLÒ U NIES L-INĦAWI

AKTAR QUDDIES U ATTIVITAJIET SPIRITWALI


Bdew isiru l-Eżerċizzi spiritwali għall-Irġiel kif ukoll għan-nisa. Fl-1940 il-Patrijiet Agostinjani għamlu l-missjoni ż-żgħira fil-ħwienet u fid-djar tal- inħawi u sar ħafna ġid spiritwali. Mis-sena 1940 ‘il quddiem beda’ jiġi armat is-Sepulkru u jsiru l-funzjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-Għid.

Iż-żerriegħa bdiet tnibbet u bdiet tikber id-devozzjoni lejn Marija Immakulata fl-inħawi. Bdew isiru tant attivitajiet, beda jsir it-tagħlim tad-duttrina lit-tfal ta’ dawk l-inħawi bl-għajnuna tas-Sinjura Anna Muscat u tas-Sur Ugo Campbell. Kif kienet ukoll it-tradizzjoni kienet saret ukoll bandalora sabiħa tal-Immakulata Kunċizzjoni għat-tfal tad-Duttrina li warajha kienu jimxu t-tfal tal-Ewwel Tqarbina u fil-purċissjoni tal-Qalb ta’ Ġesù fil-Parroċċa ta’ San Gejtanu.

Pawlu xorta beda jħoss li anke fejn kien l-Oratorju kien żgħir wisq u kera meżżanin, Numru 16, bieb ma’ bieb mat-terran li kellu qabel u ħaseb biex jieħu l-armar kollu u jarma artal fil-post il-ġdid. Il-post kien jikkonsisti minn sala kbira u żewġ kurituri. Is-sala saret kappella u l-kurituri beda jużahom għad-duttrina.

L-ISPAZJU QATT MA HU BIŻŻEJJED


Ħdax-il sena wara, Pawlu reġa’ ħaseb biex ikabbar. Kera terran, din id-darba fi Triq id-Duluri numru 12. Dan il-post kien jikkonsisti f’żewġt ikmamar u bitħa, propjetá ta’ Antonio Grech u nkera għal 17-il xelin fix-xahar. Il-ġid spiritwali tal-Oratorju kien qed jikber u s-sid tal-post mis-sena 1937 sal-1941 niżżel il-kirja għal nofs lira. Aktar tard aċċetta biss li kull 9 tax-xahar titqaddes quddiesa għal ruħ ibnu.

Biex jakkwista spazju miftuħ kif ikun Oratorju, Pawlu neħħa l-ħajt ta’ bejn il-kmamar u għamilhom kamra waħda kbira biex jarmaha bħala kappella. Għolla s-saqaf; fuq il-bieb ta’ barra għamel gallarija għall-orgni u saqqaf il-bitħa biex isservi ta’ sagristija fuq wara tal-artal. Fuq bena kamra biex ikollu fejn jerfa’ l-armar tal-kappella.

STATWA TAL-KUNĊIZZJONI IMMAKULATA


Mill-bidu nħasset il-ħtieġa li l-Oratorju jkollu statwa tal-Kunċizzjoni. Pawlu appella lill-benefatturi għall-kontribuzzjonijiet sabiex issir statwa ċkejkna, ikkummissjona lill-istatwarju Karmenu Galea mill-Ħamrun li ħadem statwa żgħira, grazzjuża u devota. Din l-istatwa għadha tintuża fil-parroċċa. Fl-Oratorju Pawlu kellu statwa ta’ San Pawl li nħadmet fis-sena 1943 mis-Sur Karm Farrugia għall-Kanonku Amabile Camilleri; statwa tal-“Ecce Ħomo”, ta’ Sant’ Antnin ta’ Padova u oħra tad-Duluri. Fil-Festi tagħhom kien isir Quddies kantat bl-għasar kif kienet it-tradizzjoni fil-knejjes Maltin. Wara t-trasferiment mill-Oratorju għall-knisja l-ġdida dawn l-istatwi baqgħu fil-kustodja tal-knisja l-ġdida minbarra dik ta’ San Pawl li nqerdet fit-trasferiment filwaqt li l-Istatwa tad-Duluri tal-Oratorju ttieħdet fil-knisja tal-Manikata.

IL-ĦAMSA U GĦOXRIN ANNIVERSARJU TAL-ORATORJU


Is-snin bdew għaddejjin u jgerbu u l-Oratorju tal-Immakulata Kunċizzjoni, fl-1945 wasal biex jiċċelebra l-25 anniversarju miftuħ - il-Ġublew tal-Fidda. Pawlu ħatar kumitat taħt il-presidenza tas-Sur Ġużè Busuttil sabiex isiru Festi akbar għal din l-okkażjoni. Tħejjew tlett ijiem Tridu mit-30 ta’ Mejju sal-ewwel ta’ Ġunju. Ġew mistiedna predikaturi ta’ fama, P. Publio Micallef, Agostinjan, P. Avertan Saliba, Karmelitan u P. Gundisalv Grech, Dumnikan. Tkantat is-Salve Regina, il-Litanija u ngħatat il-Barka Sagramentali. Fil-jum tal-Festa filgħodu saru tliet quddisiet u waħda kantata fit-8 ta’ filgħodu mill-Kanonku Amabile Camilleri. Filgħaxija, ingħad ir-Rużarju u P. Coppola, Franġiskan għamel paniġierku. Ġie ċċelebrat l-Għasar mill-Kanonku Dun Ġużepp Vella, tkanta t-Te Deum u ngħatat il-Barka Sagramentali minn Dun Nerik Cordina Perez, il-Kappillan tal-Ħamrun.

Għall-Festa ndaqqu marċi u programmi mill-Banda San Ġużepp u mill-Għaqda Mużikali San Gejtanu tal-Ħamrun u l-Banda San Ġorġ ta’ Ħal Qormi. Inxtegħel id-dawl fit-toroq u sar festin tal-okkażjoni għall-Kumitat, il-Kappillan, benefatturi, mistednin u ħbieb għand is-Sur Luigi Pace.

Biex jibqa’ mfakkar dan il-Ġublew tal-Fidda twaħħlet lapida fil-faċċata ta’ l-Oratorju. Id-damma tal-kliem sar mill-Profs. Patri Pawl Tabone Franġiskan u l-lapida ġiet inawgurata wara diskors tal-okkażjoni minn P. Ġiljan Mifsud. Il-lapida għadha sa llum tgħidilna:


IL-KOBOR TA’ ĠID GĦAS-SAĦĦA TAL-ERWIEĦ LI QIEGĦED ISIR F’DAN L-ORATORJU TAL- “IMMAKULATA” QANQAL IL-QALB TA’ ERWIEĦ TWAJBA SABIEX F’GĦELUQ IL-ĦAMSA U GĦOXRIN SENA TA’ KEMM ILU MWAQQAF TITĦALLA DIN IR-RĦAMA BĦALA TIFKIRA ĦELWA LI TKEBBES U TĦEĠĠEĠ DEJJEM IŻJED GĦALLI ĠEJ IL-QLUB FL-IMĦABBA

U L-QIMA TA’ ALLA — 3 TA’ ĠUNJU, 1945


Pass sostanzjali ieħor kien ftit wara t-tmiem tal-Festi tal-Ġublew, meta l-Arċisqof Mikiel Gonzi, b’digriet tal-25 ta’ Lulju 1945 ħareġ il-permess sabiex fl-Oratorju jinżamm is-Sagrament imqaddes kuljum.

PAWLU BURLÒ JĦALLI WARAJĦ IL-ĠID SPIRITWALI


Pawlu Burlò miet fit-30 t’Ottubru 1950 u ħalla warajħ tant ġid spiritwali, iż-żerriegħa li qabbad hu fid-dar ċkejkna tiegħu kibret u saret siġra, bl-għeruq f’tant erwieħ li xorbu mill-għejun tad-duttrina u s-sagramenti li żammew tul ħajjithom.

In-nies tal-inħawi wrew sogħba sinċiera għat-telfa tiegħu u attendew bi ħġarħom għall-aħħar tislima fil-funeral li sar fil-Parroċċa ta’ San Gejtanu.

RETTURI TAL-ORATORJU


Tajjeb niftakru li l-ħidma fejjieda ta’ Pawlu kienet dejjem imxierka mad-direzzjoni ta’ Rettur maħtur biex jieħu ħsieb l-erwieħ li kienu jattendu l-Oratorju tal-Immakulata Kunċizzjoni. Fost ir-Retturi, insibu lil Dun R. Farrugia, Dun Karm Gatt u l-Kanonku J.M. Aquilina. Kien issa meħtieġ rettur sabiex ikompli jmexxi l-Oratorju.

Fit-8 ta’ Novembru 1950 inħatar Rettur Dun Edgar Vella Anastasi li diġà kien jagħti servizz fl-Oratorju. Bin-nies fil-Ħamrun dejjem jiżdiedu, biċ-ċokon tal-Oratorju naturalment ħass il-bżonn li jibni knisja akbar fl-inħawi.

III

DUN EDGAR VELLA ANASTASI U L-ĦOLMA TA’ KNISJA AKBAR


Dun Edgar Vella twieled il-Ħamrun fl-14 ta’ Frar 1919, bin Giuseppe u Marianna nèe Anastasi. Huwa ġie mgħammed fis-16 ta’ Frar 1919, fil-Parroċċa ta’ San Gejtanu. Ġie ordnat saċerdot fil-11 t’Awwissu 1946 u qaddes l-ewwel quddiesa solenni tiegħu fil-Parroċċa ta’ San Gejtanu fil-15 t’Awwissu 1946.

IL-ĦOLMA TA’ KNISJA AKBAR


Il-ħatra ta’ Dun Edgar ftit wara l-mewt ta’ Pawlu Burlò, poġġiet responsabbiltà qawwija u aktar xogħol fuq spallejħ. Huwa ntefa b’ruħu u ġismu għax-xogħol u flimkien max-xogħol pastorali żied ukoll il-preparamenti ta’ proġett relattivament kbir bi ftit li xejn riżorsi għal bini ta’ knisja. Fl-1952 huwa stqarr ma’ ommu x-xewqa tiegħu li jibni knisja kbira fl-inħawi. Jingħad li ommu rrispondietu: “Lil hinn hemm ħafna raba’. Jekk titla’ l-knisja tiegħek jispiċċaw il-fatati, il-ħarrub u l-linji tal-ferrovija. Imbagħad madwar il-knisja jitla’ ħafna bini u jkun hemm Ħamrun ieħor.” Kliem verament profetiku. Madankollu huwa ried jikkonvinċi ħafna nies li dan il-proġett seta’ jsir avolja kienu meħtieġa l-flus biex jimmaterjalizza. Informa lill-awtoritajiet konċernati. Kien saċerdot ħabrieki, imqanqal mill-imħabba t’Alla u lejn il-Verġni Marija Immakulata. In-nies ħeġġewħ ikompli u raw il-ħtieġa ta’ knisja ġdida.

IL-‘PICCOLO CLERO’ MILL-ORATORJU GHALL-KNISJA ĠDIDA


Bl-inizjattiva ta’ Dun Edgar Vella u bit- tħabrik tas-Sur Francis Spadaro twaqqaf il-‘Piccolo Clero’ li beda jiżviluppa għas-servizz tal-artal li kien għadu fl-Oratorju. Minn fost l-abbatini kien twaqqaf ukoll kor taħt it-tmexxija tas-Sur Scicluna. L-ewwel Vestizzjoni tal-Abbatini saret meta nbniet is-Sala l-ġdida taħt is-sit propost tal-knisja l-ġdida, f’Ġunju 1961 minn Mons. Delia, id-Direttur Nazzjonali ta’ l-Għaqda tal-Abbatini. Aktar tard sew fis-sala kif ukoll fil-Knisja l-ġdida, l-Grupp tal-abbatini baqa’ dejjem jiżdied u kompla jissaħħaħ b’Diretturi dedikati, fostħom Dun Vinċenz Cachia u Dun Karm Busuttil, li kellhom tant għal qalbhom l-Għaqda tal-‘Piccolo Clero’. In-numru tal-abbatini baqa’ dejjem jiżdied u jikber. Minbarra s-servizz fil-knisja kienu jsiru ħafna attivitajiet spiritwali u soċjali għalihom flimkien ma’ laqgħat ta’ tagħlim fil-Liturġija. Minn din l-Għaqda numru sabiħ ta’ abbatini marru jagħtu servizz fil-Vatikan u wħud iltaqgħu mal-Papa.


IL-PROĠETT TAL-KNISJA L-ĠDIDA


Dun Edgar kien jaf sewwa li fondi sabiex isir il-proġett ma kienx faċli ssibhom. Ħafna drabi kont issibu fit-toroq tal-inħawi jittallab l-għajnuna lin-nies li jkunu għaddejjin. Nofstanhari sħaħ, fix-xemx u fix-xita kien ikun fil-kantuniera tal-Oratorju, ibigħ il-biljetti tal-lotterija. Niftakru sewwa wara mejda ċkejkna ħdejn l-Oratorju jew taħt in-niċċa ta’ San Ġużepp fil-kantuniera bejn Triq Villambrosa u Triq id-Duluri. Jistinka sabiex iġib fondi biżżejjed biex jibda dan il-proġett.

Mill-ġbir, flimkien ma’ flusu kollha u bl għajnuna tal-Kurja tal-Arċisqof, beda jfittex post fejn tkun tista’ tinbena l-Knisja. Snin qabel kien hemm il-ħsieb li tinbena knisja bejn Triq id-Duluri u Triq Maitland minħabba li kien għad baqa’ ħafna għelieqi f’dawn l-inħawi li llum narawhom mimlija bini, iżda dan il-proġett spiċċa fix-xejn. Dun Edgar Vella kollu ħeġġa tefa’ ħarstu lejn għalqa mhux ‘il bogħod mill-Oratorju u xtara biċċa art ta’ 103 qasab fi Triq Lord Lloyd, (illum Triq il-Kunċizzjoni) mingħand is-Sur Pawlu Grixti għall-prezz ta’ £108 fl-atti tan-nutar Joħn Tabone Adami fil-24 ta’ April, 1957.

Il-pjanti tal-knisja saru mill-Kav. Ġużè Damato li kien involut sewwa fil-bini ta’ knejjes f’Malta dawk iż-żminijiet. Kien meħtieġ li l-pjanti jiġu ffirmati mill-Perit Karmenu Cumbo. Ix-xogħol tal-bini tal-knisja beda u kien stmat li l-ispiża kellha tilħaq £16,000. Iżda malajr instab li l-blat fejn kellha titla’ l-knisja kien fuq żewġ livelli differenti, għalhekk kien neċessarju li jsir qtugħ konsiderevoli ta’ blat. Dan kien rifless fl-ispejjeż li Dun Edgar Vella kellu jsib ma’ wiċċu. Sabiex jibda sewwa x-xogħol, irrikorra l-Kurja tal-Arċisqof li sellfitu £3,000 fl-10 ta’ Diċembru 1958, kif ukoll reġgħet sellfitu £5,000 oħra fil-25 ta’ Jannar 1961.

Dun Edgar baqa’ jħabrek u jistinka, jiġbor, ifittex benefatturi sabiex jikseb il-fondi minkejja dan il-piż kollu li daħal għalih minbarra l-ħtiġijiet għall-pastorali. Bil-għajnuna t’Alla, il-biċċa tad-diżlivell taħt il-knisja propja tlestiet u ġiet imsaqqfa. B’hekk inkiseb post akbar mill-Oratorju.

IT-TMIEM TAL-ORATORJU


Dun Edgar ħaseb sabiex f’din is-sala taħt il-livell tat-triq tibda tintuża biex isir il-quddies, l-ewwel fil-Ħdud u l-festi u aktar tard beda jsir quddies kuljum u funzjonijiet oħra. L-Oratorju fl-1958 ġie trasferit għal din is-sala li kienet akbar u setgħet tilqa’ aktar nies. Illum din l-istess sala ħija msemmija “Sala Dun Edgar” għax minnha bdiet tiżviluppa l-ħidma saċerdotali li kibret fi knisja u parroċċa. Dun Edgar issa sab ftit spażju minn fejn seta’ jorganizza attivitajiet li bihom jikseb fondi biex ikopri l-ispejjeż li bdew deħlin.

L-EWWEL ĠEBLA TAL-KNISJA


Il-Ħadd 23 ta’ Marzu 1958 fl-4.30 pm, l-E.T. l-Isqof Emanuel Galea, bierek u qiegħed l-Ewwel Ġebla (li parti minnha tidher fuq il-presbiterju fuq ix-xellug). Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Kappillan Dun Mattew Chircop, il-Kanonku Micallef u Dun Ġużepp Aquilina li assistew lill-Isqof. Dun Edgar Vella ra x-xewqa tiegħu tibda’ sseħħ.

Il-parrinijiet kienu l-Kavallier Antonio Theuma u s-Sur Anthony Bezzina. L-imgħallem tal-bennejja kien is-Sur Ġilardu Camilleri filwaqt li l-Kavallier Ġużè D’Amato ħa ħsieb jissorvelja x-xogħol tal-bini.

Il-pjanti tal-knisja l-ġdida tpoġġew fejn il-pubbliku seta’ jara l-progress u joffri xi għajnuna finanzjarja jew volontarja. Fost ħafna taqtigħ il-qalb, il-knisja bdiet tinbena fi żmien relattivament żgħir.

L-ISTIL TAL-KNISJA


L-istil tal-knisja huwa Joniku, b’kampnar wieħed. Il-koppla hi unika għall-istil tagħha. Il-faċċata tagħha tixbaħ ħafna knejjes parrokkjali oħrajn. Fiha ħemm sitt pilastri twal ta' stil Joniku, tlieta fuq kull naħa, li jerfgħu entablatura sħiħa bil-bieb li ġej għan-nofs tond.

Il-qies tal-knisja huwa 36.6 metri (120pied) tul u 13.4 metri (44 pied) wiesgħa. Għandha bħal tliet kappelluni. Dan kien żmien mill-anqas sentejn qabel il-Konċilju Vatikan II meta l-Quddiesa kienet tiġi ċċelebrata bir-rit Tridentin. Dawl naturali jidħol miż-żewġt iġnub tal-Knisja minn filliera twieqi fuq kull naħa. Illum it-twieqi juru simboli ta’ titoli Marjani meħuda mil-Litanija tal-Madonna. Minn ħdejn is-sagristija nsibu: Virgo Potens, Virgo Predicanda, Mater Boni Consilii, Mater Intemerata, Mater Divinæ Gratiæ, Mater Christi u Sancta Maria. Fuq in-naħa l-oħra nsibu: Vas Spirituale, Rosa Mystica, Turris Davidica, Turris Eburnea, Stella Matutina, Regina Angelorum u Regina Prophetarum.

L-uniku artal tal-Knisja kien wieħed ta’ qabel it-tibdil liturġiku mitlub mill-Konċilju Vatikan II, bis-saċerdot iqaddes bil-Latin, dahru lejn il-kongregazzjoni.

Fil-ġnub kien hemm żewġ sagristiji ċkejkna ħafna fuq kull naħa tal-artal. Fuq iż- żewġ naħat tal-bieb ta’ barra minn ġewwa hemm żewġ niċeċ kbar, f’waħda minnhom aktar tard fl-1967 kien sar il-fonti tal-Magħmudija tal-irħam abjad. Fuqħom hemm żewġ niċeċ oħra li huma battala. Fuq il-bieb ta’ barra hemm il-gallarija għall-orgni.

Il-faċċata ta’ barra għandha tliet bibien, tnejn żgħar fil-ġnub u l-bieb maġġur li fuqu saret tieqa nofs tond ta’ ħġieġ dekorattiv li juri l-‘Ave Marija’ b’kuruna fuqha u stilla fuq kull naħa. Hemm numru ta’ tarġiet differenti f’kull bieb minħabba l-pendil tat-triq.

Fuq kull bieb laterali hemm żewġ twieqi tondi li waħda minnhom kellha tilqa’ arloġġ. Fuq nett, fuq il-pilastri, hemm frontispizju u fuqu kien ippjanat li kellha titqiegħed statwa tal-Immakulata Kunċizzjoni. Għal numru ta’ snin, tqiegħed salib minflok, minħabba li l-anterna tal-koppla kienet għadha ma saritx.

Il-bini tlesta u ngħata l-konkos tas-soqfa. L-ispiża jingħad li laħqet £24,000. Beda x-xogħol tal-injam fuq il-koppla u l-anterna, li kellhom ikunu tal-konkrit u li huma uniċi fl-istil tagħhom.


IL-MEWT TA’ DUN EDGAR VELLA


Dun Edgar f’tant taħbit, f’servizz pastorali, b’iniżjattivi kontinwi għall-ġbir ta’ fondi qatt ma ħa ħsieb saħħtu u anqas kien iżomm id-dieta mitluba mit-tobba. Irtira jumejn imma kien jidher ċar li l-marda kienet issa qed tagħfas fuqu ħafna.

Qalb dan it-taħbit kollu, fl-20 ta’ Novembru 1962, wara li kien ilu 12-il sena Rettur tal-Oratorju filgħaxija huwa talab lil Alla u l-Madonna għal Malta u wara konsulta mit-tobba għall-ħabta tas-7.15 pm ta’ 43 sena huwa miet.

L-aħbar tal-mewt ta’ Dun Edgar Vella nisslet diqa kbira għax kien bniedem li tant ħadem u stinka biex iwettaq pjan li jidher daqstant iebes imma mmexxi mill-providenza divina u li ma’ raħx sat-tmiem. Xejn ma jsir mingħajr tbatija u Dun Edgar wettaq dmiru b’tant ħeġġa għall-ġid tal-komunità li kienet tieħu sehem sew fl-Oratorju kif ukoll fis-sala ta’ taħt il-knisja u wara fil-knisja mibnija ġdida.

Fil-Parroċċa ta’ San Gejtanu, saret l-aħħar tislima lil Dun Edgar Vella, mill-Kappillan ‘il għada, 21 ta’ Novembru 1962. Funeral li fih iddominat id-diqa tal-komunità li kienet tattendi l-Oratorju. Ix-xogħol li wettaq iżda kompla jikber u jissaħħaħ u jagħti frott. Kif wieħed jista’ jaħseb il-knisja kienet mimlija bin-nies għall-aħħar tislima lil dan il-benefattur kbir. Wara l-funeral sar korteo fi Triq il-Kbira San Ġużepp u wara ttieħed għad-difna fiċ-Ċimiteru ta’ l-Addolorata.

IL-BINI TAL-KNISJA L-ĠDIDA LEST


Il-bini tal-knisja kien lest fl-1963. Ghalħekk fis-16 ta’ Awwissu 1963 infetħet il-knisja u ġiet imbierka mill-E.T. l-Isqof Emanuel Galea li qaddes l-ewwel quddiesa fiha. L-altar bil-presbiterju tal-irħam abjad ġie mogħti lil din il-knisja mill-Parrinu u wieħed mill-akbar benefatturi tagħha, il-Kavallier Antonio Theuma. Dan l-artal armat b’xemgħa tal-prima u sekonda bit-tabernaklu fin-nofs, kellu ħames panewijiet tal-mużajk b’simboli fuq sfond ta’ mużajk dehbi. Mix-xellug, is-simboli juru Palma mdawra mill-ġilji, Kewkba mdawra bil-ġilji bis-simbolu tal-Ewkaristija, fin-nofs il-ħaruf tal-Għid, simbolu Marjan tal-‘Ave Marija’ bil-kuruna ta’ Reġina u fil-lemin simbolu Ewkaristiku li juri weraq tad-dielja u l-għeneb.

Fid-19 tax-xahar, ir-relikwiji tal-Qaddisin Kletu u Giokonda ġew trasportati mill-Parroċċa San Gejtanu għal din il-knisja.

L-għada fl-20 ta’ Awwissu 1963, il-Kappillan Dun Mattew Chircop, flimkien ma’ saċerdoti oħra, fosthom Dun Ġużepp Mifsud Bonnici, wassal solennement l-Ewkaristija Mqaddsa fil-knisja. Fl-istess jum, l-E.T. Mons. Arċisqof Mikiel Gonzi kkonsagra l-altar il-ġdid permezz taż-żejt. Ġie nċensat, tqegħedu r-relikwiji tal-qaddisin f’nofs l-artal u nħarqu l-inċens u x-xemgħa fis-slaleb minquxin fil-ġnub tal-artal.

Kien meħtieġ issa li jiġi maħtur Rettur ġdid biex jieħu post Dun Edgar Vella u jieħu l-ħafna responsabbiltajiet li din il-kariga kienet iġġorr. Il-piżijiet kienu kbar, il-ħtiġijiet biex issostni knisja ġdida kienu kbar, id-diffikultajiet u l-pressjonijiet akbar. Kien meħtieġ rettur kuraġġuż, li ftit ftit imexxi l-quddiem komunità, jgħaqqadha u jħeġġiġha biex minn ġebel u saqaf jibni tempju dinjituż għall-glorja t’Alla, fejn jistgħu jiltaqgħu flimkien tant insara jaqsmu l-ikla tal-ħaruf u jikbru flimkien fil-fidi.

Flimkien mal-inkwiet tal-iżvilupp tal-knisja kien meħtieġ ukoll li tmantni servizz spiritwali dinjituż u tibni komunitá madwar il-knisja li kienet diġa’ qed tifforma.

L-id tal-providenza divina kienet qed tmexxi il-qlub li ma jibżgħux mit-taqtigħ il-qalb u jwettqu t-tajjeb li jibni l-għaqda u jressqu anke lil dawk li ħassewhom bogħod.

IV

DUN ĠUŻEPP MIFSUD BONNICI MAĦTUR RETTUR TAL-KNISJA L-ĠDIDA


Il-mewt ta’ Dun Edgar ġabet magħha wkoll aktar benefatturi biex jagħtu l-għajnuna tagħhom fiż-żmien diffiċli tal-bidu. Kien meħtieġ rettur li jgħaqqad dan kollu u din is-saħħa providenzjali ta’ tant voluntiera tkompli tisseddaq. L-Arċisqof innomina u ħatar lil Dun Ġużepp Mifsud Bonnici li kien diġà qed jagħti sehmu bħala saċerdot fil-knisja l-ġdida. Dun Ġużepp Mifsud Bonnici, kien saċerdot ħabrieki ħafna u kien ilu biss sena li qaddes l-ewwel quddiesa tiegħu fis-7 ta’ April 1962. Fil-21 ta’ Ottubru 1963, Dun Ġużepp Mifsud Bonnici ġie magħżul bħala l-mexxej tal-knisja l-ġdida.

Dun Ġużepp ħa f’idejħ it-tmexxija u l-bżonn prinċipali li l-knisja tfittex titlesta għas-servizz pastorali tal-komunità tal-inħawi. Huwa żamm il-viżjoni li jsaħħaħ mħux biss il-bini u l-ambjent li fiħ jiltaqgħu għas-sagramenti tant nies, imma wkoll li jiġbed oħrajn li kienu jħossuhom bogħod mill-Knisja u mill-parroċċa ta’ San Gejtanu, f’komunità nisranija. Dun Ġużepp sab lest biss il-bini tal-knisja, mill-bibien ta’ barra ‘il ġewwa ftit li xejn!

Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija kien għad ħemm ħafna xi jsir. Kien żmien ta’ taqlib kbir, b’mod speċjali waqt u wara l-Konċilju Vatikan II. Kien hemm tibdil sostanzjali fiċ-ċelebrazzjonijiet sew tal-quddiesa kif ukoll festi oħra tal-Knisja. Min kien jattendi għall-quddiesa passivament, jgħid ir-Rużarju, għax kollox kien bil-Latin, fi ftit xhur kellu jitgħallem il-quddiesa bil-Malti u jipparteċipa filwaqt li issa beda jifhem dak li kien jingħad! Ried jitgħallem il-Glorja, il-Kredu, jagħraf meta joqgħod bilqiegħda, iqum bilwieqfa jew jinżel għarkopptejħ! Ried jitgħallem jirrispondi u jieħu sehem fil-quddiesa! Il-ġdid li kellu jibdel snin ta’ tradizzjonijiet li kienu ġejjin sa mit-tfulija!


IL-PROVIDENZA U L-VOLONTARJAT


Il-providenza t’Alla kompliet tidher tassew fil-benefatturi kif ukoll f’tant oħrajn li meddew idejhom volontarjament ħalli jgħinu b’kull mod li jistgħu. Dun Ġużepp Mifsud Bonnici ferm qabel l-iżvilupp tal-volontarjat, għaraf jgħaqqad din il-qawwa tal-volontarjat, imantniha, jiżviluppaha u jħeġġiġha. Alla l-Imbierek mess tant qlub ġenerużi li konvinti mill-ħtiġijiet offrew minn dak li setgħu.

Bit-tħabrik tas-Sur Pawl Camilleri u oħrajn, tpoġġa l-madum mid-ditta Paul Attard ta’ Sta. Venera, filwaqt li s-Sinjura Rosina Armenio ħallset biex isir il-presbiterju ta’ l-irħam mid-ditta C. Spiteri Sacco. Għaċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi nxtara armonju biex jakkumpanja s-saċerdot jew il-kor ċkejken tal-abbatini. Is-Sinjuri Joe Valletta u Carmelo Portelli ħadmu volontarjament ix-xogħol tad-dawl tal-knisja l-ġdida. Is-Sinjura Rapa rregalat Kurċifiss biex jittella’ fuq l-artal fil-ġranet tal-Avvent, tar-Randan u għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li dak iż-żmien kien jitgħatta bi drapp vjola. Is-Sur Vella rregala żewġ brazzi għax-xemgħa tas-Sagrament, ġew meħjuta l-purtieri fil-ġnub tal-artal u nħadmu l-bibien taż-żewġ sagristiji ċkejkna fil-ġnub. Benefatturi oħrajn xtraw sett gandlieri tal-prima u s-sekonda għal fuq l-artal.

Numru ta’ siġġijiet, kienu jintużaw fil-knisja. Għalkemm in-nies kienu jinqdew, kien meħtieġ li tinżamm aktar ordni fil-knisja, għalħekk ittieħdet id-deċiżjoni fl-1965 li jsiru l-bankijiet. ħafna benefatturi rrispondew għas-sejħa u offrew l-ispiża ta’ £8, kemm ġie jiswa kull bank. Ftit ftit, baqgħu jiżdiedu l-bankijiet u jitneħħew is-siġġijiet sakemm id-dehra fil-knisja saret aktar ordinata u żdiedet il-ġabra waqt iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi.

Filwaqt li Dun Ġużepp Mifsud Bonnici mill-bidu fehem ikabbar il-qima lejn Marija Immakulata ried li l-komunità li tersaq għas-sagramenti f’din il-knisja, jkollha bħala ċentru l-Ewkaristija Mqaddsa. Huwa ħeġġeġ kemm felaħ il-qima Ewkaristika li sabet il-milja tagħha fil-funzjonijiet solenni ta’ Corpus Christi, flimkien ma’ adorazzjonijiet matul is-sena, fl-ewwel ġimgħa tax-xahar u ljieli ta’ talb quddiem Ġesù Ewkaristija. Saret għall-ewwel darba f’Ġunju 1965 il-Festa Solenni ta’ Corpus Cħristi, b’kwaranturi mis-27 sad-29 ta’ Mejju. Matul il-lejl saret adorazzjoni kontinwa u talb quddiem Ġesù Sagramentat. Din is-Solennità kompliet tikber u tissaħħaħ bis-sehem tal-membri tal-għaqdiet li bdew joktru u jieħdu sehem attiv bil-parteċipazzjoni tagħhom fil-purċissjoni Ewkaristika li ssir fit-toroq. Il-Festa għażiża laħqet il-quċċata meta wara ftit snin, il-Kleru, flimkien mal-membri tal-għaqdiet tal-Parroċċa San Gejtanu bdew jieħdu sehem attiv fil-Festa ta’ Corpus u ġimgħa wara kulħadd jinġabar fil-Parroċċa ta’ San Gejtanu għall-Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù





9 views0 comments

Recent Posts

See All

Kaxxiera

Kommentare


bottom of page