top of page

Statwa Titulari

Updated: Jun 30, 2021

Tlett Statwi Titulari Fil-Parroċċa - Informazzjoni miġbura mis sur Joe Micallef.


L-Ewwel Statwa


Mill-bidu nħasset il-ħtieġa li l-Oratorju jkollu statwa tal-Kunċizzjoni. Pawlu appella lill-benefatturi għall-kontribuzzjonijiet sabiex issir statwa ċkejkna, ikkummissjona lill-istatwarju Karmenu Galea mill-Ħamrun li ħadem statwa żgħira, grazzjuża u devota. Din l-istatwa għadha tintuża fil-parroċċa. Fl-Oratorju Pawlu kellu statwa ta’ San Pawl li nħadmet fis-sena 1943 mis-Sur Karm Farrugia għall-Kanonku Amabile Camilleri; statwa tal-“Ecce Homo”, ta’ Sant’ Antnin ta’ Padova u oħra tad-Duluri. Fil-Festi tagħhom kien isir Quddies kantat bl-għasar kif kienet it-tradizzjoni fil-knejjes Maltin. Wara t-trasferiment mill-Oratorju għall-knisja l-ġdida dawn l-istatwi baqgħu fil-kustodja tal-knisja l-ġdida minbarra dik ta’ San Pawl li nqerdet fit-trasferiment filwaqt li l-Istatwa tad-Duluri tal-Oratorju ttieħdet fil-knisja tal-Manikata.


 


It -Tieni Statwa Titulari



Jum qabel il-pussess u l-bidu tal-ħidma parrokkjali ta’ Dun Ġużepp Mifsud Bonnici, fl-10 ta’ Frar waslet minn Spanja statwa tal-Immakulata Kunċizzjoni sabiex tibda tintuża fil-festa tal-Parroċċa l-ġdida. Iddaħħlet solennement fil-knisja fost il-ferħ tal-ġemgħa.

L-istatwa għandha stil sabiħ u dettaljat, b’idejha miġbura fit-talb filwaqt li taħt riġlejha tisħaq ras is-serp bil-frotta f’ħalqu.

L-istatwa għandha pedistall ottagonali mżejjen b’ġilji indurati. Għandha disinji rikki ta’ ward mill-isbaħ u stellarju u raġġiera warajha li bid-dawl fil-kwiekeb jagħtuha dehra qaddisa u sabiħa.






 



It-Tielet Statwa Titulari

Il-Kappillan Dun Manwel Agius kien mexxej attiv ħafna b’kariżma li jħeġġeġ u jkaxkar miegħu tant persuni oħra. Il-ħidma parrokkjali kienet dejjem sejra bi proġetti ġodda l-ħin kollu. Ried serjetà u impenn u kien iħeġġeġ ħafna biex id-doni ta’ tant bnedmin jkunu wkoll mogħtija fil-komunità Parrokkjali. Kien jemmen tassew li aktar ma jkun hemm membri fil-Kunsill Pastorali Parrokkjali li jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom, aktar kien aħjar. Huwa sab ukoll l-għajnuna u l-ħeġġa sew tal-Kleru kif ukoll ta’ Charles Zerafa li darba stqarr li meta jkollok mexxej tant attiv u mimli ħeġġa bilfors tinġarr sabiex tkompli tkabbar u tgħin f’dak li jkun ippjanat. Għalkemm il-Kappillan kien jgħix fid-Dar Parrokkjali, sa tard fil-ġurnata kont tara d-dawl jixgħel fl-Uffiċċju Parrokkjali sabiex il-ħidma ma taqtax.

Bil-ħeġġa tiegħu sar jaf li l-Arċikonfraternità tal-Kunċizzjoni Immakulata tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt Valletta, kellhom żewġ vari tal-Kunċizzjoni li waħda minnhom ma kenitx qed tintuża billi l-Purċissjoni ma baqgħetx issir. Huwa kitbilhom u wriehom ix-xewqa li tiġi rregalata lill-Parroċċa u ssir il-Vara Titulari.

L-Arċikonfraternità qablet mal-proposta ta’ Dun Manwel Agius u fit-30 ta’ Novembru 1985 saret iċ-ċerimonja tat-trasferiment b’kuntratt tan-Nutar Joseph Cachia fil-preżenza tal-fratelli u mistednin distinti. Deher għall-fratelli r-Rettur Dr. Paul Mallia LL.D. Iċ-ċerimonja tal-għotja saret fil-Knisja Parrokkjali mill-Vigarju Ġenerali Mons. Carmelo Xuereb waqt quddiesa konċelebrata. Il-Ħadd, 6 ta’ Lulju 1986, il-vara l-ġdida tal-Kunċizzjoni ħarġet għall-ewwel darba fit-toroq tal-Parroċċa.




PEDESTALL U INDURATURA GĦALL-ISTATWA TITULARI

Il-kisba tal-Istatwa titulari kienet tassew providenzjali. L-istatwa kienet diġà tiġbdek u sabiħa. Il-ħarsa, wiċċ il-qdusija, bl-istellarju madwar rasha ssaħħrek. Għalhekk kien meħtieġ li s-sbuħija tagħha tkompli tiġi mseddqa permezz ta’ pedestall aktar maestuż. Dan juri s-simbolu tal-Immakulata Kunċizzjoni u simboli Marjani fil-ġnub, magħquda permezz ta’ girlandi ta’ ward li jaslu sal-ġnub. Fuq il-ġenb tal-lemin, is-simbolu tal-‘Warda Mistika’ u fuq ix-xellug is-simbolu tar-‘Reġina tar-Rużarju Mqaddes’.

Il-pedistall ġie maħdum fuq disinn ta’ Dun Ġino Gauci u maħdum fl-injam mis-Sur Carmelo Mangion mill-Ħamrun. L-iskultura saret mis-Sur Agius ta’ Ħal Lija.

Inbeda wkoll ix-xogħol fuq bradella ġdida maħduma fl-injam tal-ġewż Afrikan mid-Ditta Mangion tal-Ħamrun. Xogħol rikk u sabiħ bi skultura fina u kwadretti skulturati juru xbihat mill-ħajja tal-Verġni Mbierka Marija, skultura dettaljata ferm minn Alfred Camilleri Cauchi.

Fuq quddiem, il-Glorja ta’ Marija fi ħdan it-Trinità qaddisa qabel tiġi nkurunata Reġina minn Alla l-Missier, Kristu Binha u l-Ispirtu s-Santu. Fil-ġenb tal-kwadrett, ġewwa żewġ niċeċ ċkejkna, ix-xbieha ta’ San Ġwakkin u Sant’ Anna. Il-kwadrett tal-lemin tal-bradella juri l-Marija Verġni fid-dehriet ta’ Lourdes tgħid lil Santa Bernardina li hi l-Immakulata Kunċizzjoni. Fil-ġnub hemm ix-xbieha ta’ San Massimiljanu Maria Kolbe u l-Beatu Papa Piju IX. Il-kwadrett tax-xellug juri l-Marija Verġni tirċievi l-Aħbar mill-Arkanġlu Gabriel - l-Annunzjata. Fil-ġnub insibu x-xbieha ta’ Żakkarija u Sant’ Eliżabetta. Dan ix-xogħol hekk sabiħ u imponenti kompla sejjer għal xi snin sakemm tlesta kompletament f’Lulju tal-1994.

L-induratura tal-vara, biċċa xogħol ta’ arti kienet afdata f’idejn l-induratur, is-Sur Horace Farrugia mill-Imdina. Id-drappeġġ tal-istatwa ġie ndurat b’mod li jispikka d-disinn li jagħti dehra maestuża lill-vara kollha. F’Ġunju 1988 fil-ħruġ tal-Vara minn niċċa għall-Festa, l-istatwa titulari dehret ferm isbaħ, maestuża, rikka, devota u dinjituża kif imdorrijin naraw propju fi statwi titulari ta’ kull belt u raħal f’pajjiżna.















RESTAWR TAL-VARA TITULARI

Fil-bidu tas-sena 2011, fil-vara titulari kif ukoll fil-pedestall bdew jidhru qsim u f’partijiet l-induratura bdiet turi xi taħsir. Sar appell għall-fondi u l-vara titulari ttieħdet l-Imdina għand is-Sur Horace Farrugia, sabiex isir fuqha r-restawr meħtieġ. Tlesta x-xogħol għall-Festa Titulari u l-vara ttieħdet fil-knisja tal-patrijiet Franġiskani.

Minflok il-ħruġ tal-vara min niċċa, fil-25 ta’ Ġunju 2011 wara programm ta’ kant Marjan fil-knisja tal-Patrijiet, il-vara ittieħdet proċessjonalment lura lejn il-knisja parrokkjali.

Ir-riżultat finali wara x-xogħol ta’ restawr li sar ġie milqugħ tajjeb ħafna. Il-vara dehret isbaħ sew fil-figura u fl-induratura b’riflessi differenti ta’ dawl speċjalment fid-drappeġġ u fil-pedistall. L-isbaħ mument intlaħaq fil-ħruġ tal-vara f’jum il-festa meta r-raġġi tax-xemx rriflettew fuqha, il-wiċċ sabiħ tagħha, l-istellarju u r-raġġiera ta’ warajha.






59 views0 comments

Recent Posts

See All

Kaxxiera

bottom of page